Read this post in English: https://minatolu.com/2018/12/22/pr-22-12-2018-en/
Fit-tmiem ta’ attivita’ dwar il-bidla fil-klima organizzata minn Alternattiva Demokratika Żgħażagħ, Mina Tolu (kandidat għall-Parlament Ewropew) u ċ-Chairperson ta’ AD Carmel Cacopardo (kandidat għall-Parlament Ewropew) indirizzaw lill-istampa.
Mina Tolu spjegat it-talbiet li tħejjew minn Alternattiva Demokratika Żgħażagħ, liema talbiet jirriflettu anke t-talbiet li qed isiru fuq livell Ewropew minn partiti ħodor u membri parlamentari tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew. “Hemm bżonn investiment serju biex l-enerġija li tintuża tintuża b’mod effiċjenti, biex issir tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u enerġija mija fil-mija nadifa, u investiment f’teknoloġiji li jtejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna u jiġġieldu l-effetti tal-bidla fil-klima. Ix-xjenzati jgħidulna li d-dinja għandha tnax-il sena biex intafu l-agħar effetti tal-bidla fil-klima. Hemm bżonn azzjoni kemm fuq livell nazzjonali, fuq livell tal-Unjoni Ewropea u anke fuq livell dinji. Malta tista’ tkun ta’ eżempju ta’ ekonomija sostenibbli li tħares l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies.”
Iċ-Chairperson ta’ AD Carmel Cacopardo qal li l-bidla għall-enerġija mill-gass kien pass tajjeb, iżda l-gass jitqies bħala fjuwil ta’ tranżizzjoni għal enerġija rinnovabbli. Neħtieġu iktar energija mix-xemx u mir-riħ u naraw li jkun hemm użu tal-energija mill-mewġ. Dawn it-teknoloġiji jwasslu għal tipi ta’ xogħol sostenibbli u fl-istess ħin jikkontribwixxu lejn kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.”
“It-trasport għadu probelma kbira u jidher li l-problema se tkompli tikber minħabba żieda astronomika fin-numru ta’ karozzi. Sfortunatament l-Gvern minflok jinvesti f’trasport sostenibbli u nadif qed jagħmel programm qawwi ta’ xogħol infrastrutturali li qed iservi biex jinkoraġġixxi l-użu tal-karozzi u per konsegwenza jhassar il-progress li qed jinkiseb biż-żieda fl-użu tat-trasport pubbliku. Irridu investiment serju f’infrastruttura għar-roti u r-roti elettriċi.”
Carmel Cacopardo qal ukoll li l-mina ta’ Ghawdex hi essenzjalment mina għall-karozzi mhux għan-nies. “Filfatt huwa stmat li fi 15-il sena l-ammont ta’ karozzi li jaqsmu l-fliegu se jiżdied minn 3000 għal 9000 karozza. Servizz għan-nies ifisser servizzi ta’ fast-ferry minn Għawdex sal-qalba ta’ Malta.” Il-mina tinkoragixxi l-uzu tal-karozzi ghax il-hlas li jingabar ser ikun minn fuq in-numru ta’ karozzi.
One response to “Il-bidla fil-klima: ħtieġa ta’ azzjoni konkreta”
[…] Bil-Malti: https://minatolu.com/2018/12/22/pr-22-12-2018-mt/ […]
LikeLike